KONTINWITÀ jew BIDLA - Vlog292

 

​Kull wieħed u waħda minna, fil-kapaċita’ u r-rwol tiegħu jew tagħha, hemm bżonn li tagħmel il-parti tagħha ħalli din il-bidla sseħħ.

 

Dan hu l-mument li wieħed għandu jirrifletti fuq il-proċessi tal-operat tal-gvern, liema operat ikun daħal tul għexieren ta’ snin u jkun jeħtieġ riforma u li jiddaħħlu prassi ġodda li jirriflettu l-esiġenzi preżenti u kemm jista’ jkun anki dawn futuri.
U hu dan li se jkun qed isir taħt il-gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru l-ġdid, Dr Robert Abela. Fl-istess ħin, bħalma jgħid l-Ingliż “ Let us not throw the baby out with the bathwater”, fejn dan il-qawl irid iwassal il-messaġġ li meta tagħmel bidla, warrab dak li hu ħażin iżda żomm dawk l-affarijiet li huma tajbin u ħallew il-ġid. U l-ġid li daħħal il-gvern tul dawn l-aħħar snin mhux biss suċċess finanzjarju u ekonomiku, iżda anki f’dawk li huma drittijiet ċivili, it-tolleranza lejn minoranzi – dan hu il-legat ta’ dan il-moviment.
 
Fl-istess ħin dak kollu li huwa ħażin u li huwa kundannabbli, għandna nwaqqfuh jew nirranġawh jew ntejbuh, skont in-natura tal-każ.
 
Il-Prim Ministru Dr. Robert Abela, dak hu li qed iwiegħed u jassigura. Li dawk il-prattiċi ħżiena li seħħew ma jerġgħux jiġru.

 

Jien se nkun qed nagħti sehmi biex ma’ sħabi fil-Kabinett il-Ġdid din il-wegħda tal-Prim Ministru titwettaq.