Is-Saħħa: Nibżgħu għaliha - Vlog291

​Fl-irwol tiegħi ta’ ministru responsabbli mill-finanzi, is-settur tas-saħħa jinteressani mhux biss minħabba n-nefqa kbira fuq is-saħħa, iżda għax irrid nara wkoll li l-finanzi kollha li l-pajjiż jirnexxielu jdaħħal, jiġu investiti bl-aħjar mod biex igawdi l-poplu kollu u b’mod speċjali dawk l-individwi li l-aktar għandhom bżonn.

In-nefqa fuq is-settur tas-saħħa tkopri mhux biss is-salarji tat-tobba; paramediċi; u impjegati oħra li hemm bżonn biex wieħed imexxi l-isptarijiet u s-sistema tas-saħħa f’pajjiż; iżda wkoll in-nefqa fuq makkinarju sofistikat li hemm bżonn biex isiru d-dijanjosi tal-mard sabiex il-marda tinqabad fil-bidu tagħha u għalhekk b’intervent mediku f’waqtu u bikri, iċ-ċans li individwu jfieq minn dik il-marda tkun ferm iktar għolja.