STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI U MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U NEGOZJI ŻGĦAR

Reference Number: PR202160, Press Release Issue Date: Nov 02, 2020
 
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari Edward Scicluna u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-Baġit 2021, bit-tema ‘Maltin B’Saħħitna ’l Quddiem’. 

Il-Ministru Scicluna qal li bħala Ministeru għall-Finanzi, barra li huwa responsabbli biex jipprepara l-baġit u jagħti rendikont ta’ dak kollu li twettaq, huwa responsabbli wkoll ta’ numru ta’ miżuri li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Il-Ministru Scicluna spjega li l-aktar deċiżjoni importanti f’dan il-baġit kienet l-għażla tal-figura tad-deficit. “F’dan il-baġit, minħabba li fil-passat dan il-gvern ħadem bil-għaqal u kien preparat biżżejjed, għażilna li mmorru għal defiċit ta’ 5.9% biex indaħħlu fis-seħħ miżuri li jgħinu lill-familji u lin-negozji jegħlbu l-effetti negattivi tal-pandemija. Dan huwa żmien li nonfqu bil-għaqal sabiex insostnu l-ekonomija u nissalvagwardjaw l-impjiegi”, qal il-Ministru Scicluna. 

 
pr202160c.png 

  
Il-Ministru Scicluna elenka diversi miżuri li permezz tagħhom il-gvern se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fost dawn, semma dawk immirati għall-pensjonanti miżżewġin, li barra ż-żieda fil-pensjoni u ż-żieda tal-Cola, dawn ser jibbenefikaw minn tnaqqis sostanzjali fit-taxxa. Miżura oħra li se tolqot lill-ħaddiema hija dik tar-rifużjoni tat-taxxa, li biha dan il-gvern huwa kburi li qed jgħin l-iktar lil min għandu l-iktar dħul baxx. Il-Ministru Scicluna semma wkoll miżuri indirizzati lill-qasam tal-proprjetà, lill-għaqdiet volontarji u dawk li ser jgħinu direttament lin-negozji u lis-self-employed.  

Il-Ministru Scicluna għalaq billi semma diversi miżuri favur l-ambjent. Huwa qal li f’dan il-baġit, dan il-gvern huwa kburi li introduċa l-Green Bond li hija miżura importanti ferm għaliex ser tixpruna lin-negozji sabiex jibdew jinvestu fl-ekonomija l-ħadra.


pr202160b.png 
 
 
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri qal li dan il-baġit kien konferma ta’ kemm dan huwa gvern li kontinwament jiġġenera ruħu mill-ġdid.

“Minkejja li kien tista’ tgħid ir-raba’ eżerċizzju finanzjarju komprensiv li sar f’temp ta’ ftit xhur, madanakollu xorta kien mimli ideat u proġetti ġodda. Kien baġit li reġa’ ta sinjal ċar tal-fiduċja li għandu l-gvern fin-negozji. Filwaqt li f’pajjiżi oħra meta d-diskors jaqleb fuq iż-żmien ta’ wara l-pandemija tara li jibdew jissemmew taxxi u nuqqas ta’ għajnuna, min-naħa l-oħra f’pajjiżna jissemmew l-akbar proġetti ta’ investiment fl-istorja. Bejn trasport, investiment fit-toroq u infrastruttura industrijali qed nitkellmu fuq elf u mitejn miljun ewro”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri aċċenna għall-investiment ta’ €450 miljun li se jkun qed ibiddel il-wiċċ ta’ żoni industrijali f’pajjiżna. Dan l-investiment jinkorpora proġett li jinkludi l-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern - proġett innovattiv li jirrifletti żvilupp industrijali ġdid li qed ikun aspirat lejn pajjiżna. Saħaq li dan il-proġett se jkun implimentat b’mod sostenibbli li jħares ukoll lejn l-interess tar-residenti tal-irħula fil-madwar.

pr202160a.png 
 

“Irridu naraw li fejn pereżempju għandek irħula bħal Ħal Luqa mdawrin b’ajruport, żona industrijali u miżbla, wasal iż-żmien li jiġu kumpensati bi proġetti ħodor u spazji miftuħa ħalli l-familji ta’ dawn l-irħula wkoll ikollhom fejn jirrikreaw ruħhom u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar”, sostna il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri qal li pajjiżna ser ikollu vantaġġ kompetittiv li pajjiżi madwarna mhux ser ikollhom. “Filwaqt li ż-żmien li ġej se jkun wieħed ta’ sfida, madanakollu aħna se nkunu fost il-ftit fid-dinja fejn l-ispiża tal-gvern minflok sejra f’pagament ta’ imgħax fuq dejn pubbliku, ser tkun sejra fuq l-akbar investiment pubbliku fl-istorja”, temm jgħid il-Ministru Schembri.


Ritratti (DOI/MFIN/MEIB)