ŻIEDA FIL-FAĊILITAJIET TAL-MITA B’INVESTIMENT TA’ €1 MILJUN GĦALL-MONITORAĠĠ U ĦARSIEN KONTINWU TAS-SIGURTÀ TAL-INFRASTRUTTURA DIĠITALI TAL-GVERN

Reference Number: PR201932, Press Release Issue Date: Oct 08, 2020
 
Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo, żar l-uffiċini tal-Awtorità tat-Teknoloġija u l-Informatika (MITA) li għadhom kemm saħħew il-faċilitajiet tagħhom b’investiment ta’ madwar €1 miljun. 
 
Waqt iż-żjara tiegħu fil-bini tal-MITA, il-Prim Ministru Robert Abela innota kif il-MITA żiedet il-faċilitajiet tagħha bi spazju modern għall-moniteraġġ u ħarsien kontinwu tas-sigurtà tal-infrastruttura diġitali tal-gvern, kif ukoll il-ħarsien tad-data.

pr201932a.png

Il-proġett, b’investiment ta’ madwar €1 miljun, sar f’madwar 9 xhur skont l-aqwa livelli stabbiliti fl-industrija u saħħaħ l-operat tas-sigurtà diġitali fil-MITA biex b’hekk komplejna nassiguraw l-aqwa protezzjoni għas-sistemi informatici tal-Gvern. 
 
Ma’ dan tnieda wkoll laboratorju tal-forensika diġitali u malware analysis. B’hekk se jissaħħu l-kontrolli u nwieġbu għall-inċidenti b’aktar effiċjenza u b’kordinazzjoni ma’ sieħba lokali u internazzjonali rigward threat intelligence. 
 
Matul iż-żjara, il-Head of Facilities Management Wayne Valentine u ċ-Chief Technology Officer Jonathan Cassar spjegaw iżjed fid-dettall l-importanza li l-MITA tkun mgħammra bl-iżjed faċilitajiet moderni u tal-aqwa livell.

 pr201932b.png

B’dan kollu se jissaħħaħ ukoll l-operat tal-MITA biex flimkien inkomplu nimxu ’l quddiem lejn futur diġitali ta’ pajjiż modern. 
 
Iċ-Ċermen Eżekuttiv Tony Sultana rringrazzja lil Prim Ministru Abela għaż-żjara tiegħu fil-MITA u rrikonoxxa li investiment dirett f’dawn il-faċilitajiet ifisser li l-infrastruttura diġitali tal-Gvern qiegħda tipproteġi lin-nazzjon tagħha minn kull forma ta’ attakki virtwali li jistgħu jseħħu fuq il-ħarsien ta’ informazzjoni sensittiva li għandu l-Gvern. 
 
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li jinsab sodisfatt bil-livell ta’ professjonalità li l-MITA topera bih. “Tul is-snin irnexxielha tinvesti fir-riżors uman tagħha u ninsab kburi bil-livell għoli ta’ profiċċjenza li l-impjegati kollha li jaħdmu mal-awtorità għandhom. Barra minn hekk, bl-investiment kapitali kontinwu, is-settur pubbliku qed iserraħ moħħu li fil-qasam tal-informatika, għandu l-aqwa teknoloġija fejn tidħol cybersecurity,” qal il-Ministru Scicluna.

pr201932c.png
 
Is-Segretarju Parlamentati Clayton Batolo qal li l-ftuħ tac-Cyber Security Centre jimmarka pass ieħor importanti fil-viżjoni tal-Gvern ta’ Malta u Għawdex Diġitali. Huwa semma kif il-MITA dejjem kienet kontributur importanti tal-Gvern. Minn difensur tas-servizzi online tas-settur pubbliku għal mutur innovattiv fis-settur tal-informatika u t-teknoloġija. “Investiment ta’ din l-għamla juri biċ-ċar l-impenn tagħna bħala Gvern li jkollna infrastruttura teknoloġika b’saħħitha li permezz tagħha ndaħħlu iżjed serħan il-moħħ fost il-poplu meta jiġi biex juża servizzi tal-Gvern,” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.
 
Filmat: https://we.tl/t-AMUMwZ8qlq