IL-MINISTRU SCICLUNA U L-MINISTRU ABELA JILTAQGĦU MAL-IMSIEĦBA SOĊJALI BI PREPARAZZJONI GĦALL-BAĠIT 2021

Reference Number: PR201685 , Press Release Issue Date: Sep 09, 2020
 
F’laqgħa bi preparazzjoni għall-Baġit 2021, l-imsieħba soċjali flimkien ippreżentaw il-proposti tagħhom lill-Gvern. Waqt il-preżentazzjoni tagħhom, l-imsieħba soċjali b’mod oġġettiv poġġew għad-diskussjoni l-prijoritajiet tal-industrija, tal-unjins u tas-soċjetà ċivili. 
 
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna ppreżenta u ddiskuta l-andament u t-tbassir ekonomiku u fiskali u kif ukoll il-prijoritajiet tal-Gvern għall-Baġit 2021 mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). 

pr201685a.png 

Il-Ministru Scicluna qal li, “fil-baġit li ġej, bħala Gvern ser nużaw ir-riżorsi li għandna bl-aħjar mod possibli, sabiex nonfqu b’mod għaqli fejn l-iktar li hemm bżonn. Ser naraw ukoll li filwaqt li nkomplu ngħinu lis-setturi eżistenti, ser niffukaw fuq niċeċ ġodda sabiex pajjiżna jerġa’ jirritorna għar-rimtu ekonomiku li kien qabad f’dawn l-aħħar seba’ snin”.

Il-Ministru Scicluna qal li b’differenza minn xi pajjiżi oħra, l-pandemija tal-COVID-19 sabet lil pajjiżna preparat fejn jidħlu l-finanzi tal-pajjiż. Is-surplus li rreġistrajna f’dawn l-aħħar erba’ snin u t-tnaqqis sinifikanti fid-dejn għamilha possibli sabiex il-Gvern ikun jista’ immedjatament jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-familji u lill-intrapriżi. Din l-azzjoni f’waqtha wasslet sabiex nipproteġu d-dħul tal-ħaddiema u nissalvagwardjaw l-impjiegi. 

pr201685b.png
 
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari għalaq billi qal li ħafna mill-ideat li tpoġġew illum mill-imsieħba soċjali ser jittieħdu u ser ikomplu jinbnew fuqhom sabiex jiġu riflessi fil-baġit għas-sena li ġejja. 
 
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela innota kif dan huwa dokument tal-pre-baġit li jagħti importanza lill-iżvilupp sostenibbli hekk kif anke t-tema magħżula hija dik ta’ ekonomija sostenibbli. Il-ministru li bħala parti mill-portafoll tiegħu għandu l-iżvilupp sostenibbli, semma’ kif il-ħidma tal-Gvern, inkluż bil-miżuri tal-baġit, diġà bdiet tinkludi ż-żwieġ ta t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà li huma l-aspett ambjentali, ekonomiku u soċjali.

 pr201685c.png

Il-Ministru Abela saħaq li l-Kummissjoni Ewropea ukoll ser tibda  tieħu inizzjattivi bil-għan li tara li l-miżuri tal-baġits nazzjonali tal-membri rispettivi, ikollhom kejl ieħor, dak tal-iżvilupp sostenibbli. Huwa qal li Malta, bdiet il-preparamenti sabiex dawn l-aspetti jidħlu. Il-ministru żied jgħid li ħaddiema mis-settur pubbliku diġà bdew jirċievu taħriġ mill-OECD fuq kif għandhom jinkludu il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli mal-proġetti u l-politika nazzjonali. 
 
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Abela saħaq li bħala Gvern għandna nibqgħu iffukati sabiex sas-sena 2030 jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp sostenibbli impoġġija fuq l-193 pajjiż tan-Nazzjonijiet Magħquda. 

pr201685d.png 
 
 
Bħala l-ministru responsabbli wkoll mid-djalogu soċjali, il-Ministru Abela innota wkoll il-ħidma li saret mal-isħab soċjali bħala parti mill-ħidma tal-Gvern fuq id-dokument tal-pre-baġit 2021. Fid-diskors tiegħu huwa innota wkoll statistika maħruġa mill-Eurostat fuq ix-xogħol, fejn ġie indikat kif fit-tieni kwart ta’ din is-sena filwaqt li x-xogħol naqas fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea b'medja ta' 2.9%, Malta ix-xogħol żdied b’0.6%. 
 
Qal li filwaqt li għadna ma wasalniex, din turi kif ħidma f’ambitu kollettiv, inkluż mal-isħab soċjali tista’ twassal għal riżultati pożittivi, inkluż għat-tkabbir ekonomiku imbassar għal Malta għas-sena d-dieħla.