INAWGURATI L-UFFIĊINI L-ĠODDA TAL-MALTA DIGITAL INNOVATION AUTHORITY

Reference Number: PR201384 , Press Release Issue Date: Jul 22, 2020
 
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo inawguraw l-uffiċini l-ġodda tal-Malta Digital Innovation Authority fl-Imrieħel. 

pr201384a.png 
 

Il-Ministru Edward Scicluna qal li, “Mod essenzjali li permezz tiegħu jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku huwa permezz ta’ diversifikazzjoni f’setturi u f’niċeċ ġodda. Bħala gvern dejjem konna fuq quddiem biex inħaddnu l-ekonomija diġitali. Ser inkomplu ninvestu fir-riċerka u fl-innovazzjoni għax dawn huma ċ-ċavetta tal-futur għal pajjiżna.” Il-Ministru Scicluna rrimarka wkoll dwar il-bżonn li nagħmlu front komuni u koordinat biex nimbuttaw ’il quddiem it-teknoloġija diġitali b’mod ħolistiku speċjalment fil-konfront tal-kompetittività finanzjarja.

pr201384b.png 
 
 pr201384c.png
 

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo semma li l-MDIA hija mutur kruċjali biex is-settur tal-ekonomija diġitali jkompli miexi ’l quddiem. Irrimarka li fl-aħħar xhur sar ħafna xogħol biex din l-istess awtorità tkompli ttejjeb is-settur diġitali u sostna li s-suċċessi f’dan is-settur għadhom iridu jiġu. “Irridu ntejbu l-kompetittività f’dinja li aktar ma jgħaddi żmien dejjem issir diġitali. Jalla dawn il-faċilitajiet ikunu simbolu ta’ tama ġdida għal start-ups li jixtiequ jsostnu l-operazzjonijiet tagħhom f’pajjiżna. Nawgura wkoll biex din il-binja li qegħdin fiha llum tkompli tkun pjattaforma regolatorja b’saħħitha li tkompli żżomm l-integrità tas-suq u l-interess pubbliku fl-industrija inġenerali,” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

pr201384d.png 
 
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Dr Joshua Ellul u l-Kap Eżekuttiv Stephen Mc Carthy għamlu wkoll diskors tal-okkażjoni. Wara ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda. 

pr201384e.png 
 

Ritratti (DOI/MFIN)