TINQABEŻ L-ALLOKAZZJONI TA’ FLUS GĦAS-62+ SAVINGS BONDS. MITFUGĦA ’L FUQ MINN €105 MILJUN

Reference Number: PR201362, Press Release Issue Date: Jul 16, 2020
 
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna b’sodisfazzjon ħabbar li għal darb’oħra l-ħruġ tas-62+ Savings Bonds tal-gvern kienu ta’ suċċess hekk kif id-domanda għalihom kienet ferm ogħla mill-ammont allokat. 
 
Għall-ħruġ ta’ dawn is-62+ Savings Bonds, fuq perjodu ta’ jumejn b’kollox ġew offruti ’l fuq minn €105 miljun. Dan ifisser €45 miljun iktar minn dak li alloka t-Teżor. 
 
Il-Ministru Scicluna qal, “Dan juri l-fiduċja sħiħa li l-poplu Malti għandu fil-gvern u l-mod li bih qed jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż”.
 
Dan il-bond se jkun qed jagħti dħul addizzjonali mal-pensjoni tul il-kors tal-investiment lil numru sostanzjali ta’ anzjani, li bil-bżulija u bl-għaqal tagħhom faddlu matul iż-żmien li ħadmu. 
 
Matul dawn l-aħħar erba’ snin, dawn il-bonds issa jiġu jammontaw għal somma globali ta’ ftit inqas minn €400 miljun. Dawn gawdew minn rata preferenzjali ta’ 3%, li hija rata ta’ imgħax ogħla minn dawk li qed joffri s-suq finanzjarju. 
 
Fix-xhur li ġejjin il-gvern se jkun qed jagħti opportunità oħra, din id-darba lil kulħadd, sabiex jipparteċipa f’bonds indirizzati għall-pubbliku inġenerali.