REAZZJONIJIIET POŻITTIVI ĦAFNA GĦALL-PJAN TA’ RIĠENERAZZJONI LI ĠIE MĦABBAR ILBIERAĦ

Reference Number: PR201091, Press Release Issue Date: Jun 11, 2020
 
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U SERVIZZI FINANZJARJI
 
Reazzjonijiiet pożittivi ħafna għall-pjan ta’ riġenerazzjoni li ġie mħabbar ilbieraħ
 
 
Il-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ €900 miljun li ġie mħabbar it-Tnejn filgħaxija, u li huwa mibni fuq tliet pilastri ewlenin, li huma, li jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji u jagħtu aktar finanzjament; li tingħata spinta lid-domanda domestika; u li jingħata sostenn dirett lill-industrija filwaqt li ninċentivaw ix-xogħol, kiseb reazzjoni posittiva mmens mill-pubbliku u mill-imsieħba soċjali. Saħqu dan id-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet.
 
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li dan il-pjan qawwi ta’ riġenerazzjoni jkompli jibni fuq il-prinċipju li ma jistax ikollok sistema tas-saħħa robusta jekk ma jkollokx ekonomija b’saħħitha. “Il-miżuri ekonomiċi li ppreżenta l-gvern imorru id f’id mal-miżuri tas-saħħa pubblika”, tenna Chris Fearne filwaqt li sostna li la l-Gvern u l-anqas iċ-ċittadini ma huma se jinsew il-ħidma tal-frontliners tul iż-żmien tal-pandemija.
 
pr201091a.png 
 
 
“Kull min ta sehmu matul dan iż-żmien għandu biex ikun kburi għaliex pajjiżna sebaħ jiddiskuti dawn miżuri ekonomiċi, meta pajjiżi oħra għadhom qed jikkumbattu man-numri tal-każijiet tal-COVID-19”, tenna l-Ministru għas-Saħħa.
 
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li l-prijorità ewlenija ta’ dan il-Gvern permezz ta’ dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika hija li jimmassimiżża ir-riżorsi ekonomiċi tal-pajjiż sabiex jissalvagwardja l-impjiegi tal-ħaddiema. Il-Ministru Scicluna spjega kif il-pjan tal-Gvern huwa li l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha u terġa’ tilħaq ir-ritmu li kellha qabel.
 
 
pr201091b.png 
 
Il-Ministru Scicluna qal, “f’dan il-pjan, indirizzajna b’mod speċjali dawk is-setturi li qed jibdew joperaw wara li kienu magħluqa, fosthom is-settur tat-turiżmu u s-setturi relatati mal-ftuħ tal-ajruport. Barra minn hekk hemm ukoll is-settur tal-ħwienet, li għalkemm teknikament huma miftuħa, ser ikollhom id-domanda kajmana. Hawnhekk il-Gvern ser jidħol bis-saħħa sabiex jagħmel kuraġġ u jagħti għajnuna biex l-ispejjeż ipattu għalihom.”
 
Il-Ministru  Scicluna semma diversi miżuri fosthom il-Covid Wage Supplement li ser tiġi estiża sal-aħħar ta’ Settembru, il-waiver għal-liċenzji tal-Gvern għan-negozji fl-2020, ir-rifużjoni tal-kontijiet tal-elettriku għas-settur kummerċjali sal-aħħar ta’ Awwissu, is-sosten fuq spejjeż tal-kera u t-tnaqqis fil-prezz tal-petrol u d-diesel. Il-Ministru Scicluna spjega ukoll kif il-Gvern qed inaqqas ukoll it-taxxa tal-boll fuq xiri ta’ proprjetà sabiex jinċentiva lil dawk kollha li qegħdin f’konvenju jew li qed jaħsbu biex jixtru proprjetà. Barra minn hekk il-Ministru Scicluna spjega kif l-iktar injezzjoni ekonomika li se tgħin lin-nies jonfqu l-flus mill-ewwel hija l-għotja ta’ voucher ta’ €100 li se jingħata lil kull persuna li għandha aktar minn sittax-il sena sabiex tintefaq f’ristoranti, lukandi, jew ħwienet kummerċjali.
 
pr201091c.png 
 
 
F’dak li għandu x’jaqsam mal-likwidità, il-Ministru Scicluna spjega kif il-miżura tad-differiment tat-taxxa ser jiġi estiża, bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali, it-taxxa tal-ħaddiem u l-kontribuzzjoni għal-leave tal-maternita, li dawn iridu jibdew jitħallsu fl-ewwel ta’ Lulju. Il-Ministru Scicluna fakkar li l-ikbar miżura li ta l-Gvern marbuta mal-likwidità kienet il-moratorju fuq il-kapital u l-interessi fuq self mill-banek, li dan sa issa diġà ammonta għal €1.3 biljuni sal-aħħar ta’ April.
 
Ritratti: DOI/MFH/MFIN