Kullħadd: Storiku u Mhux Faċli

Publication Date: Apr 02, 2017
 
APRIL 2, 2017
AWTUR: ALEANDER BALZAN
 
Edward-830x552.png 
 
• EKONOMISTI U MSIEĦBA SOĊJALI JFIEHMU L-KOBOR TAL-AĦBAR
• IL-KAP TAL-OPPOŻIZZJONI IŻOLAT FIN-NEGATTIVITÀ
 
Dwar ir-riżultat tas-surplus tkellmu l-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-ekonomisti u l-imsieħba soċjali. Dawn tal-aħħar iddiskrivewh bħala wieħed storiku u li pajjiżna kien ilu jistenna biex ikollu. Tkellmu dwar l-isfida u d-diffikultà biex wieħed jasal sa hawn. Ħadd ma qal li kien faċli, jew saħansitra populist kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni li għal darb’oħra spiċċa iżolat fin-negattività.
 
F’kummenti mal-gazzetta KullĦadd, il-Ministru tal-Finanzi qal li hu importanti li wieħed jifhem x’ifisser is-surplus għalina. “Is-surplus mhuwiex xi flus li Malta rebħet f’xi lotterija, u riżultat tagħha issa għandna iktar flus x’nonfqu. Għal pajjizna s-surplus hu ħelsien. Bħalma l-31 ta’ Marzu 1979 tfakkarna f’ġurnata ta’ ħelsien politiku minn bażijiet militari barranin, it-30 ta’ Marzu 2017 tibqa’ mfakkra għal meta wara 36 sena Malta reġgħet rebħet il-ħelsien ekonomiku. Ħelsien minn dipendenza fuq id-dejn biex wieħed imexxi pajjiżu,” qal il-Ministru Scicluna.
 
Żied li s-sinifikat ta’ ħelsien hu l-indipendenza vera li ġġib lill-pajjiż li jirbaħha. “Meta ma tiddejjinx ma tkunx skjav ta’ ħaddiehor. Għandek l-abbiltà u d-dixxiplina li tonfoq bil-qies skont kemm tiflaħ. Persuna li tixxala bi flus ħaddieħor, bi flus imsellfa qatt ma hi rispettata. Filwaqt li min jimxi bil-qies u l-moderazzjoni, imma minn flusu, huwa stmat u rispettat. Malta issa laħqet dik il-pożizzjoni,” qal Scicluna.
 
Malta hi u qed tkun ma’ kull jum iktar rispettata minn pajjiżi oħra għaliex issa li qiegħda fil-mira tal-attenzjoni globali minħabba l-Presidenza, qed turi li hi pajjiż immexxi minn Gvern serju u li dak li jwiegħed iwettqu.
 
“Dak hu li jġib is-surplus u l-ħelsien ekonomiku,” temm jgħid il-Professur Scicluna.
 
Graphs1-1.png 
 
B'referenza għal: