Standard & Poor’s tikkonferma r-rating ta' Malta fil-kategorija "A"

Publication Date: Mar 31, 2017
 

MTELLA' MARZU 31, 2017 - AĠĠORNATA 31 TA' MARZU, 2017 7:23PM

L-aġenzija Internazzjonali Standard and Poor’s ikkonfermat lil Malta fil-kategorija A- bi prospetti stabbli.

Fl-aħħar analiżi tagħhom l-ekonomisti ta’ Standard and Poor’s qed ibassru li fi tliet snin li ġejjin l-ekonomija Maltija se tikber bi 3.3 fil-mija kull sena.

Qalet ukoll li bit-tisħiħ fil-finanzi tal-Gvern u bit-tkabbir ekonomiku, tistenna li l-livell tad-dejn tal-Gvern jinżel minn 53 fil-mija s-sena li għaddiet għal 47 fil-mija fl-2019.

L-aġenzija qalet li Malta kompliet tara tkabbir ekonomiku b’saħħtu fiż-Żona Ewro. Qalet li waqt li fl-ewwel deċenju tal-2000 is-settur tal-finanzi ddomina l-esportazzjoni tas-servizzi f’Malta, matul l-aħħar ħames snin, is-settur turistiku, loġistiku u dak tal-e-gaming komplew jespandu b’mod kbir. Żiedu jgħidu li l-investimenti li saru bejn l-2014 u l-2016 fil-qasam tal-enerġija u l-loġistika kkontribwew bil-kbir għat-tkabbir ekonomiku. Qalu li proġetti oħrajn fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ospitalità se jwasslu għat-tkabbir fl-investiment fis-sentejn li ġejjin.

L-ekonomisti ta’ Standard and Poor’s fl-analiżi tagħhom qalu li l-qasam tal-enerġija għadda minn bidla kbira bit-tnedija tal-interconnector mal-Italja u l-qalba għall-gass miż-żejt tal-power stations. Qalu li dawn ġabu kapaċità akbar u prezzijiet orħos.

Żiedu jgħidu li fattur ieħor li wassal għat-tkabbir ekonomiku kienet iż-żieda qawwija ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari dak tan-nisa permezz ta’ tnaqqis u inċentivi fit-taxxa u investiment fiċ-childcare.

Standard and Poor’s qalu li Malta tista’ tiffaċċja diffikultajiet kemm minħabba l-mod ta’ kif qed tevolvi r-regolamentazzjoni tat-taxxa fid-dinja u kemm b’effett tal-Brexit. Qalet li l-wasliet mir-Renju Unit jammontaw għal 30 fil-mija u dawn jinsabu mhedda bid-dgħufija tal-isterlina. Madankollu qalu li Malta tinsab f’qagħda tajba biex tilqa’ għax-xokkijiet ta’ Brexit għax għandha ekonomija flessibbli fost raġunijiet oħrajn.

B'referenza għal:
http://www.tvm.com.mt/mt/news/standard-poors-tikkonferma-r-rating-ta-malta-fil-kategorija/