Il-PM dwar l-ewwel surplus f'36 sena: "miraklu ekonomiku Malti"

Publication Date: Mar 30, 2017
 
MTELLA' MARZU 30, 2017 - AĠĠORNATA 30 TA' MARZU, 2017 6:13PM

Għall-ewwel darba f’36 sena, il-Gvern temm is-sena li għaddiet b’bilanċ fil-finanzi pubbliċi.

Ċifri uffiċjali tal-finanzi tal-gvern għall-2016 juru li l-kaxxa ta’ Malta spiċċat minn fuq bi kważi disa’ miljun ewro anki jekk kien imbassar li s-sena li għaddiet il-pajjiż kien se ikollu żbilanċ ta’ 0.7 fil-mija fil-finanzi tiegħu.

Il-Prim Ministru fisser dan l-iżvilupp bħala miraklu ekonomiku Malti li issa jrid jiġi sostnut biex tinbeda xejra ġdida ta’ surplus.

Għall-ewwel darba mill-1981 ‘l hawn, il-Gvern temm is-sena li għaddiet b’bilanċ fil-finanzi tiegħu ta’ kważi disa’ miljun ewro waqt li fl-2015 kien spiċċa b’defiċit ta’ €235 miljun u fl-2012 kien hemm defiċit ta’ €362 miljun.

Wara l-pubblikazzjoni taċ-ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja qal li dan il-bilanċ faverovli fil-finanzi tal-Gvern ġie sentejn aktar kmieni milli mistenni u li issa l-Gvern irid ikun għaqli li din ix-xejra tkun sostnuta.

“Dan hu l-messaġġ tiegħi li issa wasal iż-żmien aktar minn qatt qabel ta’ responsabbiltà u sostenibbiltà li issa prattikament, it-tabib fejqu lill-pazjent imma issa t-tabib u l-pazjent iridu jaħdmu flimkien biex ma jerġgħux jaqgħu fl-istess nassa u ma jerġgħux jaqgħu fl-istess mard,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru qal li jinsab kburi ħafna bl-ewwel surplus f’ġenerazzjoni sħiħa f’dak li fisser bħala miraklu ekonomiku Malti. Qal li dan seħħ mingħajr miżuri ta’ awsterità, anzi spjega kif il-Gvern ħa miżuri favur it-tkabbir ekonomiku bi tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tnaqqis fit-taxxi għal kulħadd u inċentivi għal min kellu dħul baxx.

Dr Muscat qal li s-surplus seħħ mingħajr il-flus li ġejjin mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment li sebgħin fil-mija minnhom qed imorru f’fond li se jiffinanzjaw proġetti speċifiċi fosthom għall-Bank tal-Iżvilupp. Qal li din ix-xejra pożittiva se tgħin biex il-Gvern jinvesti fi proġetti infrastrutturali kbar fosthom tat-toroq, trasport pubbliku tal-massa u f’inizjattivi soċjali.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li dan is-suċċess kien joħlom bih kull Gvern u r-rota ekonomika bdiet iddur mal-ewwel budget li ppreżenta l-Gvern fl-2013. Spjega li jinsab fiduċjuż li s-surplus għall-2016 jaf jiżdied bi ftit meta t-Teżor jagħlaq b’mod definit id-dħul u l-ħruġ kollu għas-sena li għaddiet li se jkun ċertifikat ukoll mill-Eurostat.

“Mill-figuri tagħna qed nistennew li dan is-surplus jikber u mhux jonqos,” qal il-Ministru Edward Scicluna.

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li fl-2013 Malta kienet iffaċċjata b’miżura ta’ defiċit eċċessiv mill-Unjoni Ewropea u sitwazzjoni ekonomika mwegħra li l-Gvern irnexxilu jdawwar b’dixxiplina fiskali u baġitarja waqt li saħħaħ ix-xibka soċjali. Qal li hekk se jkompli jsir biex jiżdiedu l-pagi baxxi u jonqsu l-inugwaljanzi fil-pagi b’mekkaniżmu li jikkontrolla l-inflazzjoni.