DBRS tikkonferma r-Rating ta’ Malta fil-Livell A u Stabbli

Publication Date: Mar 04, 2017
 
DBRS tikkonferma r-rating ta' Malta fil-livell A u stabbli - TVM.png 
 
L-Aġenzija Ġermaniża tal-credit rating DBRS ikkonfermat ir-rating ta Malta fil-livell A u stabbli. L-ekonomisti tal-aġenzija qalu li dan ir-rating jirrifletti s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona ewro. Waqt li qalu li l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata aħjar minn ta pajjiżi Ewropej oħra, irrimarkaw ukoll fuq dawk li sejħu vulnerabbiltajiet fl-ekonomija Maltija. Qalu li dawn jinkludu x-xokkijiet li jistgħu jiġu minn barra kif ukoll mis-sistema tal-pensjonijiet u tas-saħħa li għalkemm il-Gvern jonfoq fuqhom inqas minn ta’ pajjiżi oħra, dawn jistgħu jżidu l-pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi minħabba ż-żieda tal-anzjani fil-popolazzjoni.
 
L-aġenzija DBRS madankollu qalet li tara l-ekonomija Maltija stabbli għaliex dawn ir-riskji huma bbilanċjati tajjeb, fost oħrajn għax Malta għandha bilanċ kurrenti favorevoli li ġej mis-settur tas-servizzi, kif ukoll għaliex id-dejn tal-Gvern li niżel taħt is-60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross huwa strutturat tajjeb u fit-tul. Barraminhekk tosserva wkoll li l-pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern tjiebet sostanzjalment bit-tnaqqis tad-deficit.
 
Ir-rapport tal-ekonomisti ta’ DBRS josserva fost oħrajn ir-rata għolja ta’ tfaddil u r-rata relattivament baxxa tas-self mill-familji Maltin, u jgħid li għalkemm is-self għad-djar żdied, xorta huwa kkunsidrat bħala moderat. L-aġenzija tfaħħar ukoll ir-ristrutturar li sar fl-intrapriżi u l-aġenziji tal-istat biex tnaqqsu r-riskji tal-Gvern fuq il-garanziji tiegħu fuq is-self tagħhom.