IL-MINISTRU GĦALL-FINANZI JINSISTI LI MA HEMMX ‘BUŻŻIEQA’ FIS-SUQ TAL-PROPRJETÀ

Reference Number: PR172751, Press Release Issue Date: Dec 01, 2017
 
​“L-industrija tal-kostruzzjoni hija sinifikanti u wieħed irid jieħu ħsiebha anke għax tolqot bosta individwi u setturi importanti oħrajn bħall-banek.”
 
Hekk qal il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, waqt l-għeluq tal-‘Konferenza Nazzjonali dwar l-Analiżi tal-Proprjetà u l-Industrija tal-Kostruzzjoni’ organizzata minn Property Malta.
 
pr172751a.png 
 
Il-Ministru kompla li l-indikaturi kollha juru li fil-qasam tal-proprjetà ma hemmx ‘bużżieqa’. Qal li hemm sitwazzjoni ta’ domanda qawwija għall-proprjetà u s-suq qed jirreaġixxi billi qed jinbnew aktar djar.
 
Il-Ministru Edward Scicluna tkellem ukoll dwar il-kiri li kif qal hu, “wieħed irid iżommu f’perspettiva,” anke għax f’pajjiżna, 84 fil-mija huma sidien ta’ darhom u huma 16 fil-mija biss il-Maltin li jikru. Qal li minkejja l-persentaġġ huwa żgħir, il-Gvern għaddej bi skemi biex ħadd ma jintlaqat ħazin mis-suċċess.
 
pr172751b.png 
 
Meta tkellem dwar iż-żieda fil-prezz tal-proprjetà, il-Ministru qal li minkejja dak kollu li jintqal f’dan ir-rigward, skont l-Alert Mechanism tal-Kummissjoni Ewropea, kien hemm għaxar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li qabżu it-treshold ta’ sitta fil-mija żieda fil-prezzijiet tagħhom. Malta, bir-rata ta’ 4.8 fil-mija ma kinetx fosthom.
 
Minkejja dan kollu, il-Gvern permezz tal-budget, ra li tingħata għajnuna fejn teħtieġ. Hawnhekk semma bosta skemi soċjali u tkellem ukoll dwar l-iskema tas-second-time buyers li mistennija tgħin lil dawk l-anzjani li jridu jbiegħu dar kbira u jixtru xi ħaġa iżgħar u bil-kontra, fejn jidħlu koppji żgħażagħ li jixtiequ jkabbru darhom meta tibda tikber il-familja.
 
pr172751c.png 
 
Il-Ministru Edward Scicluna ħeġġeġ lill-organizzaturi tal-konferenza biex din id-diskussjoni titkompla fuq bażi regolari.