‘BUDGET’ LI JIBNI FUQ TA’ QABLU U LI JAGĦMEL IL-PEDAMENTI GĦALL-‘BUDGETS’ LI ĠEJJIN BIEX ILESTI LIL PAJJIŻNA GĦALL-FUTUR

Reference Number: PR172293, Press Release Issue Date: Oct 11, 2017
 
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU, MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
 
Il-budget imħabbar nhar it-Tnejn li għadda mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna hu wieħed li jibni fuq ta’ qablu u li jagħmel il-pedamenti għall-budgets li ġejjin biex ilesti lil pajjiżna għall-futur, qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja.
 
“Illum, il-familji Maltin u Għawdxin jinsabu aħjar milli kienu jumejn ilu. Fil-passat – taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti – il-familji bħal-lum kienu jagħmlu l-kalkolu biex jaraw bejn dak li tahom il-gvern u li ħadilhom, humiex aħjar jew agħar. Illum, dan il-kalkolu ma sarx għax dan il-gvern ta biss”, qal Chris Fearne.
 
pr172293a.png 
 
Id-Deputat Prim Ministru spjega li dan il-budget, li hu frott il-viżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ta spinta lill-familji, lill-pensjonanti, lill-istudenti u lin-negozji. Chris Fearne żied li permezz ta’ dan il-budget qed nindirizzaw ukoll l-isfidi li għandna quddiemna, fosthom il-housing, it-toroq u l-immaniġġjar tal-iskart.
 
Sadanittant, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega l-ħsieb wara dan il-budget.
 
pr172293b.png 
 
“Il-budget hu b’saħħtu għax l-ekonomija hi b’saħħitha, fil-fatt jiffoka li għas-snin li ġejjin inżommu surplus modest ta’ 0.5% tal-Prodott Gross Domestiku. Dan sabiex bħalma naqqasna d-defiċits b’mod gradwali rridu nagħmlu l-istess bis-surplus sabiex inkomplu nnaqqsu d-dejn tal-pajjiż b’mod assolut”, spjega l-Ministru Scicluna.
 
pr172293c.png 
 
 Il-budget fih 30 miżura li direttament iqassmu l-ġid biex jolqtu lil min verament għandu bżonn. Fl-istess waqt il-budget jindirizza t-tliet sfidi prinċipali tal-pajjiż għall-futur: il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq Maltin, il-housing u l-immaniġġjar tal-iskart. F’kull każ il-Gvern irid li d-deċiżjonijiet jittieħdu llum, wara konsultazzjoni wiesgħa.
 
Meta mistoqsi dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Scicluna wieġeb li, “is-surplus ta’ pajjiżna qed jidher b’mod ċar fid-diversi miżuri li ġew implimentati matul din is-sena u li se jkomplu jiġu implimentati matul is-sena d-dieħla permezz ta’ dan il-budget, iżda b’mod tekniku dan is-surplus qed imur ukoll biex jitħallas id-dejn tal-pajjiż”.