Għajnejna fuq l-infiq u d-dħul, xahar b’xahar

Publication Date: Jul 20, 2014
 
X’tip ta’ kontrolli saru fuq l-infiq tal-Gvern? X’inizjattivi ttieħdu biex tiġi kkontrollata n-nefqa?
 
Is-sostenibbiltà fiskali ma tinkisibx f’miżuri jew kontrolli ta’ darba, imma titlob attenzjoni u sorvejlanza rego-lari u kontinwa. Għalhekk, il-Ministeru għall-Finanzi tul l-aħħar sena beda janalizza l-infiq u d-dħul tal-pajjiż fuq bażi ta’ xahar b’xahar. Dan biex jekk ikun hemm xi żlieq fiskali, il-Gvern ikun jista’ jieħu passi mill-ewwel, u mhux jistenna sal-aħħar tas-sena biex ikun jaf is-sitwazzjoni vera tal-finanzi tal-pajjiż, kif kien jiġri qabel.
 
 Apparti minn hekk, il-Mi-nisteru għall-Finanzi qed jimplimenta dik li tissejjaħ Spending Review, jiġifieri analiżi kontinwa u profonda, Ministeru b’Ministeru, tan-nefqa tal-Gvern, u fejn din sejra. Dan biex ir-riżorsi tal-pajjiż jiġu allokati bl-aktar mod effettiv, u biex tiġi minimizzata l-ħela ta’ riżorsi fuq affarijiet li m’għadhomx effettivi, jew li ma għadhomx prijorità għal pajjiżna.
 
Għaddiet nofs is-sena. Meta tħares lejn dak li ġara fl-aħħar sitt xhur, sodisfatt bl-andamanet ta’ kif qed jiżvolġu l-finanzi tal-Gvern?
 
Inħares lejn l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena b’ottimiżmu għax kif rajna fl-aħħar nofs tas-sena li għaddiet, u anki fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, il-politika determinata u responsabbli tal-Gvern il-ġdid qed tikseb riżultati sodisfaċenti.
 
Konna kburin li bdejna s-sena fuq nota pożittiva, hekk kif l-aġenzija tal-kreditu internazzjonali Standard & Poor’s ħarġet rating fuq Malta li fih irrikonoxxiet mhux biss li l-pjan tal-Gvern Malti għas-settur tal-enerġija qed jipprogressa b’mod li jsaħħaħ il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, iżda li fl-2013 l-ekonomija kibret aktar minn kull aspettattiva. Dawn il-prospetti tajbin għal Malta wasslu biex Standard & Poor’s iżżomm l-outlook stabbli lejn pajjiżna kif ukoll ir-rating ta’ BBB+/A-2.
 
 Ftit tal-jiem ilu, Standard & Poor’s irrikonfermat l-istess rating għal Malta b’prospettivi stabbli, filwaqt li rrimarkat li Malta hi stabbli u li mistennija tikber għas-snin li ġejjin, grazzi għar-riforma fil-qasam tal-enerġija tal-Gvern ġdid, kif ukoll għall-inizjattivi biex aktar nisa joħorġu jaħdmu.
 
 Iżda dan mhux l-aġenziji tal-kreditu biss qed jgħiduh. Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea stess mhux biss għarfet, fl-Ispring Forecast tagħha li ġie ppubblikat f’Mejju, li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta huwa robust u li l-finanzi pubbliċi tal-pajjiż qegħdin jitqiegħdu fuq bażi soda, iżda wkoll li l-attività ekonomika f’Malta saħansitra issorprendiet b’mod pożittiv fl-2013 bi tkabbir reali fil-Prodott Domestiku Gross ta’ 2.4%.
 
 Allura jiena qed inqis lejn l-ewwel sitt xhur tas-sena bħala perjodu li fih il-pajjiż beda jgawdi mill-miżuri u r-riformi li twettqu mill-Gvern il-ġdid wara l-ewwel sena ta’ ħidma tiegħu. Ir-riżultati li ġew previsti fil-Baġit 2014 s’issa qed jintlaħqu. Ma kinitx ħaġa faċli. Filwaqt li fejn jidħol id-dħul tal-pajjiż dan sejjer kemxejn aħjar milli kien mistenni grazzi għall-isforzi li qed isiru mid-dipartimenti tat-taxxa, fejn jirrigwarda l-infieq hemm bżonn viġilanza kostanti biex l-infieq li kien previst fil-baġit li għadda ma jinqabiżx. F’dan ir-rigward jiena għandi l-appoġġ kollu tal-kabinett u tal-Prim Ministru biex naċċertaw ruħna li l-finanzi tal-pajjiż jibqgħu on track.
 
Issa qed nħarsu ’l quddiem lejn il-baġit li jmiss biex il-Gvern ikompli jħaddem il-politika tiegħu u jimxi għat-tieni fażi tal-pjan tiegħu għall-ħames snin ġejjin.
 
In-nefqa tal-Gvern żdiedet fuq dik tas-sena l-oħra. X’wassal għal dan?
 
Għalkemm in-nefqa tal-Gvern żdiedet meta mqabbla mas-sena l-oħra, din qed tiżdied skont kif kien maħsub fil-baġit għal din is-sena, u allura minkejja li xi wħud jippruvaw jallarmaw għal xejn, in-nefqa għadha ma qabżitx il-miri tal-Gvern. Dan ifisser li ż-żieda fin-nefqa fuq il-mediċini, l-edukazzjoni, kif ukoll programmi u inizjattivi oħra, kienet waħda ppjanata, kif wieħed jista’ jara mill-allokazzjonijiet tal-baġit. Fil-fatt in-nefqa minn Jannar sa Mejju 2014 hija biss €4.5 miljun iktar minn dak li kien previst.
 
Apparti minn dan, hemm ukoll xi żidiet li huma tem-poranji minħabba ‘timing factors’, bħal per eżempju pensjonijiet li jitħallsu minn qabel flok kif jitħallsu s-soltu, u benefiċċji soċjali oħrajn li jinzerta l-pagament tagħhom jaqa’ fi kwart ta’ sena partikolari meta soltu jkun jaqa’ fi kwart ieħor.
 
Dan ifisser li l-infiq kien, u għadu, taħt kontroll.
 
Meta mqabbla mas-sena li għaddiet kien hemm żieda fid-dħul, żieda aktar milli kien previst.X’wassal għal dan l-andament?
 
Iż-żieda fi d-dħul mit-taxxi diretti li jinkludu t-taxxi fuq id-dħul u national insurance tirrifletti ż-żieda qawwija fir-rata ta’ impjiegi li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena telgħet għal 1.9%. Infatti kien hemm iż-żieda ta’ 3,321 persuni li daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-ewwel kwart tas-sena 2014. Dan ukoll wassal għat-tnaqqis fir-rata tal-qgħad li niżlet 6.% fl-ewwel kwart ta’ din is-sena u baqgħet nieżla għal 5.7% f’Mejju. It-tkabbir fir-rata tal-impjiegi u tnaqqis fir-rata ta’ qgħad kienu l-frott tal-miżuri tal-baġit 2013 u 2014 li jħeġġu aktar nies jidħlu jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol bħat-traħħis fir-rati ta’ taxxi ta’ dħul.
 
Iż-żieda fid-dħul mit-taxxi indiretti aktar milli previst juri li dan il-Gvern irnexxielu joħloq aktar stabbiltà u ċertezza li għenet biex tiżdied il-kunfidenza tal-konsumaturi u l-intrapriżi u b’hekk żdied il-bejgħ, ix-xiri u l-konsum. Barra minn hekk ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed iħalli aktar flus fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin u din ukoll qed tiġi riflessa fi żieda fil-kummerċ li allura żżid id-dħul tal-Gvern mit-taxxi indiretti.
 
X’wasslek tiddeċiedi li trid tintroduċi l-liġi tar-responsabbiltà fiskali? X’impatt, b’mod dirett jew indirett se tkun qed tħalli din il-liġi fuq il-but tal-poplu?
 
Ir-responsabbiltà fiskali hu prinċipju integrali fi tmexxijja ta’ pajjiż li hi responsabbli u li tħares lejn il-prosperità fit-tul tiegħu. Dan biex il-flus tal-poplu, li jinġabru mit-taxxi, jintefqu u jintużaw bl-aktar mod responsabbli u għaqli.
 
Iżda tmexxija ta’ pajjiż li hi responsabbli u tħares lejn il-prosperità fit-tul tal-pajjiż tħares ukoll lejn dawk li jissejħu checks & balances, jiġifieri dawk l-istrutturi u regoli li kull gvern ikollu jimxi magħhom biex jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-poplu.
 
Il-Liġi tar-Responsabbiltà Fiskali taqa’ taħt dawn il-checks & balances, hekk kif, la darba tidħol fis-seħħ, torbot kull gvern, preżenti kif ukoll tal-futur, li jirrispettaw ċerti regoli dwar kif jiġu amministrati l-finanzi tal-pajjiż. Dan fl-interess li ċ-ċittadini jkollhom moħħhom mistrieħ li r-responsabbiltà fiskali ma tkunx tiddependi fuq il-gvern tal-ġurnata, iżda tkun parti integrali mill-istrutturi tal-istat.
 
Hu għalhekk li l-Gvern, għall-ewwel darba fl-istorja tagħna, se jdaħħal din il-liġi tar-Responsabbiltà Fiskali.
 
Din il-liġi se tkun qed timponi ċerti esiġenzi fuq il-Gvern u l-mod kif jamministra l-finanzi tal-pajjiż biex jiggarantixxi skrutinju u trasparenza fil-finanzi tal-pajjiż.
 
Waħda mit-tibdiliet li se tkun qed twettaq din il-liġi hi li l-gvern se jkun obbligat li jħejji u jippreżenta fil-parlament strateġija fiskali ta’ tliet snin bil-quddiem ta’ kif se l-Gvern jippjana l-infieq. Din l-istrateġija se tkun qed tispjega fid-dettall il-pjan fiskali tal-gvern, u se ġġorr il-firma kemm tal-Ministru għall-Finanzi, kif ukoll tal-Prim Ministru.
 
Livell ieħor ta’ trasparenza li se jkun impost minn din il-liġi se jkun li l-gvern se jkun obbligat jagħmel tbassir ekonomiku li jkun skrutinizzat minn aġenzija indipendenti biex tara li dan it-tbassir mhux ottimist iżżejjed, kif ukoll li l-gvern li jkollu jżomm ma’ ċerti miri li jaffettwaw id-defiċit u d-dejn tal-pajjiż.
 
Din il-liġi se tobbliga wkoll lill-gvern biex jagħmel rapport fil-parlament kull sitt xhur li fih jevalwa kif sejjer il-pajjiż mill-aspett finanzjarju bl-aktar mod apert, u jindika jekk kien hemm xi devjazzjonijiet minn dak li ġie proġettat fil-baġit, kif ukoll x’korrezzjonijiet se jsiru biex jagħmlu tajjeb għalihom.

Permezz ta’ din il-liġi l-gvern se jkun obbligat li jkun apert u trasparenti dwar jekk kienx hemm xi żlieq fiskali, u x’se jagħmel biex jikkoreġieh. Apparti minn hekk, jekk ikun hemm xi reviżjonjiet fil-baġit tas-sena ta’ qabel, dawn iridu jiġu dibattuti b’mod apert fil-parlament.
 
Skrutinju ieħor se jkun qed jitwaqqaf bħala parti minn din il-liġi hu dak li jgħidulu Kunsill Fiskali. Dan hu Kunsill li se jkun indipendenti, u kompost minn ekonomisti u nies tekniċi li jkunu jafu s-suġġett u allura jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Gvern u jagħtu l-ġudizzji tagħhom fuq l-andament fiskali tal-pajjiż, bid-differenza li ma jsirx fl-aħħar tas-sena meta jkun qed jiġi ppreżentat il-baġit, iżda matul is-sena kollha.
 
Dan biex l-għaqal ma jkunx jiddependi biss mill-gvern tal-ġurnata, imma mill-kontrolli li hemm fuqu bħala parti mil-liġi.
 
Fl-aħħar statistika, il-Eurostat ikkonfermat li l-qgħad f’Malta huwa dak ta’ 5.7%, it-tielet l-inqas rata fost il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea. X’wassal għal dan it-tip ta’ riżultat?
 
It-tnaqqis sostanzjali fir-rata ta’ qgħad u b’hekk tkabbir sostanzjali fir-rata tal-impjiegi (1.9% fl-ewwel kwart tas-sena 2014) kienu frott ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern li ħoloq stabbiltà u ċertezza li għenet biex ikun hawn tkabbir ekonomiku robust ta’ 3.5% fl-istess perjodu. It-tnaqqis fir-rata ta’ qgħad kienet ukoll riżultat ta’ miżuri intiżi biex jgħinu u jinkoraġġixxu lill-intrapriżi jimpjegaw nies qegħda u miżuri li jgħinu nies qegħda biex isibu mpjieg.
 
Huwa impossibbli li r-rata ta’ qgħad tkun tqarreb ħafna lejn iż-żero. Dan għax dejjem se jkollok ammont ta’ nies f’ċertu perjodu li huma qegħda, bħal persuni li x-xogħol tagħhom ikun staġġjonali, persuni li għadhom kif ħarġu minn istituzzjonijiet edukattivi u qegħdin ifittxu xogħol però li jieħdu ż-żmien tagħhom biex jaċċettaw xogħlijet offruti lilhom, u anki persuni li qed ibiddlu xogħlijiet.
 
Però, il-Gvern se jkompli jaħdem biex tkompli tonqos ir-rata ta’ qgħad u dan billi jkompli jindirrizza kemm it-talba u provvista ta’ ħaddiema. It-talba se nindirizzawha billi ngħinu l-ekonomija biex tikber aktar permezz li nikkoraġġixxu investimenti ġodda f’pajjiżna u nkabbru l-kunfidenza tal-konsumaturi u l-produtturi. Il-provvista tal-ħaddiema nindirizzawha billi nkomplu nwettqu miżuri ta’ making work pay biex ninkoraġġixxu nies jidħlu fid-dinja ta’ xogħol u nipprovdu edukazzjoni u taħriġ biex individwi jiġu aktar impjegabbli.
 
Il-Gvern qed iħares ukoll biex jindirizza ’l hekk imsejjaħ skills mismatch, jiġifieri sitwazzjoni meta dawk li jkunu qed ifittxu xogħol ma jkunux attrezzati b’taħriġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jieħdu dawk l-opportunitajiet ta’ xogħol li jkunu disponibbli. Dan qed isir permezz ta’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u edukazzjoni.
 
 
Tista' taccessa l-intervista originali b'din il-link :